STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U VALLETTA 2018: Malta tniedi n-nomina biex tospita l-EMA

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista flimkien mal-Kap tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini l-Professur Anthony Serracino Inglott ippreżentaw lill-ġurnalisti n-nomina Maltija biex tospita l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA. Din l-aġenzija żżomm monitoraġġ fuq prodotti mediċi li jinbiegħu fis-suq Ewropew u tassigura li l-istudji kliniċi jew manifatturali huma konformi mal-politika Ewropea.

L-EMA hi responsabbli wkoll minn konferenzi internazzjonali li jsiru fil-pajjiż li jospitaha, bl-iktar konferenza bieżla sa issa laqgħet iktar minn 36,000 delegat internazzjonali, b’okkupazzjoni ta’ 350 kamra fil-lukandi tal-pajjiż waqt il-konferenza.

“Id-900 ħaddiem li bħalissa huma impjegati tal-EMA jistgħu jibnu futur sabiħ fostna. Għal uliedhom se noffru servizzi edukattivi tal-ogħla kwalità u mingħajr ħlas, se noffru servizzi tal-ħarsien tat-tfal b’xejn, u tranżizzjoni effiċjenti b’offerta ta’ uffiċini adekwati fi SmartCity,” spjega s-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari fakkar li dan iż-żmien li matulu Malta qed tikkompeti ma’ tmintax-il pajjiż ieħor biex jospitaw l-EMA, hu żmien opportun biex Malta tirreklama lilha nnifisha bl-aqwa mod għal kumpaniji oħra li bħall-EMA u bħall-Awtorità Ewropea tal-Banek se jibdew paġna ġdida wara Brexit.

“Għalkemm se naħdmu b’enerġija biex nospitaw l-EMA bl-ebda mod m’aħna se nxekklu ħidma oħra li qed issir biex Malta tkompli tispikka fil-mappa Ewropea”, wiegħed Deo Debattista.

Il-Professur Anthony Serracino Inglott spjega li l-uffiċini l-ġodda fil-kwartieri tal-EMA se jkunu adekwati u bl-aħħar apparat teknoloġiku. Fl-istess waqt se jkun hemm mogħdija apposta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn fejn ikunu jistgħu jgħaddu l-impjegati tal-EMA b’mod iktar mgħaġġel kif ukoll servizz ta’ trasport li jeħodhom mill-ajruport sal-uffiċċji.

Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi fakkar li l-vot finali se jittieħed fl-għoxrin ta’ Novembru li ġej meta jiltaqgħu l-Ministri għall-Affarijiet Ewropej.

Parliamentary Secretary for Consumer Protection and Valletta 2018 Deo Debattista launches the Maltese bid to host the European Medicines Agency [10-8-17]
Parliamentary Secretary for Consumer Protection and Valletta 2018 Deo Debattista launches the Maltese bid to host the European Medicines Agency [10-8-17]
Parliamentary Secretary for Consumer Protection and Valletta 2018 Deo Debattista launches the Maltese bid to host the European Medicines Agency [10-8-17]